Fuq il-Ktieb

Fuq il-Ktieb

Id-drammi li konna naħdmu fiż-żmien tal-Ħamsinijiet u is-Sittinijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jitqassmu hekk: Prologu, sitta jew seba’ atti u Epilogu. Jien ħsibt li nqassam dan il-ktieb bl-istess mod. Bdejt b-Prologu bħala d-daħla u kull att qassamtu fuq għaxar snin, per eżempju s-snin Erbgħin għaqqadtu mal-Ħamsinijiet għax tlett snin kull ma kien hemm ta’ l-Erbgħinijiet u wara iddedikajt kull att għal għaxar snin tas-Sittin, Sebgħin etċ.
 
Barra dan, f’kull att tajt ħarsa lejn il-palk, ir-radju u t-televiżjoni. Bdejt billi mort lura lejn żmien il-Kavallieri, pinzellata ħafifa biex naraw kif nibtet id-drama f’pajjiżna. Semmejt ħafna postijiet ta’ divertiment fosthom Ix-Chalet, ir-Rockyval, Strada Stretta, Café Premier, il-Vernon u oħrajn kif ukoll l-Opra u ċ-Ċinema. Ma dan kollu għaddejja il-karriera tiegħi u tal-familja tiegħi fuq il-Palk.

Fir-ritratt ta’ quddiem tal-ktieb tidher Josephine Mahoney fil-parti ta’ Claudia Procula, fuq sfond tat-Teatru Manoel. Disinn tal-qoxra fuq idea oriġinali ta’ Patrick Farrugia.