Daħla

Nov 6, 2010 by

Daħla

Minn

Tony Cassar Darien

Meta qrajt il-ktieb ta’ Josephine Mahoney stħajjiltni Daniel Boone, l-esploratur Amerikan illi wara t-trattat tal-1775, tqabbad ifassal triq li tibda minn Carolina tan-Nord u twassal sal-qalba ta’ Kentucky. Meta x-xwejjaħ Boone sab ruħu mdawwar minn dawk l-għelieqi vasti,  maħturin b’galbu u tant jixxiebhu ma’ xulxin, ħabat ser jibda jitfixkel minn fejn jaqbillu jgħaddi.

Dal-ktieb mhux sempliċiment iterraq għalenija, imma wkoll jibni mgħodijiet ġodda. Miżgħud b’passaġġi li kapaċi jieħduk f’kull roqgħa minsija tal-passat illi xi darba ħakket mal-magija tat-teatru. Imma mhux biss. Dax-xogħol iqabbdek ma’ triqat illi barra li, permezz tal-fantasija, jwassluk fil-wesgħat tal-preżent, kapaċi wkoll jieħduk f’toroq illi, forsi bħali, tixtieq tara miftuħa għat-teatru Malti fil-futur.

Faċli ssejjaħ il-kitba ta’ Mahoney att bijografiku, jew ħarsa fid-djarju ta’ attriċi ewlenija illi għexet mill-qrib l-iżvilupp teatrali ta’ pajjizna, mill-ħamsinijiet sallum. Faċli wkoll tapprezza r-riċerka sfieqa tagħha illi saħansitra teħodna fil-bidu nett tat-teatru f’pajjizna. (U hawn, b’teatru, qed nifhem is-sens wiesgħa tal-performing arts illi jinkludu l-brani relatati tax-xandir, il-mużika, u l-postijiet tad-divertiment fejn kienu eżerċitati.) Għax minsuġa f’dil-ġabra ta’ tifkiriet insibu mwaħħda wkoll l-istorja tad-divertiment lokali illi bħal kull ħaġa oħra żviluppat is-soċjetà tagħna u għenitha ssir dak illi hi llum.

Bħal Mahoney u oħrajn, illi terraqna t-triqat teatrali matul il-medda tas-snin, ma nistax ma nifraħx bil-kronologija maħsuba u mwassla b’tant dettal u attenzjoni mill-kittieba. Madankollu, in-natura ta’ din il-kitba, illi rari ssib bħalha fuq l-ixkafef tal-kotba lokali, nħossha titlob trattament minn għandi, illi jmur lil hinn minn Daħliet li għamilt f’publikazzjonijiet oħrajn.

Daniel Boone, iżolat mill-ħsejjes tar-rutina tal-ħajja, dlonk beda  jirrejalizza illi l-pjanuri vasti ta’ biswietu, ma kienux sempliċiment ġebel, ħamrija, għollieq u annimali indiġeni, imma ingredjenti illi mas-snin iffurmaw dak li llum jissejjah town-planning. L-istejjer, id-dettalji, il-persunaġġi u fuq kollox, ir-riflessjonijiet ta’ Josephine Mahoney, inħosshom qed jokorbu biex minnhom jinstilet dak illi tixtieq tesprimi r-ruħ artistika u sensittiva ta’ din l-attriċi; ruħ illi sa miċ-ċokon tagħha għażlet timxi fit-triq li d-destin kien qed isejħilha tieħu.

Minbarra li żmien ilu ħdimt ma’ Mahoney fi drammi impenjattivi, issa wkoll qed naraha b’ruħha mperrċa f’kitbietha. Xi kwalità ta’ attrici hi Josephine? Fl’1995 fil-Mużew ta’ l-Arti Moderna fi New York attendejt għal serata bl-isem ta’ Great Actresses. Rajt żewġ films ta’ attriċi kbar, Sarah Bernhardt u Eleonora Duse. It-tnejn għexu fl-istess żmien u ħadmu l-istess partijiet. Bernhardt kienet estroverta, Duse aktar umana. L-arti tat-tnejn kienet universalment stmata u apprezzata. L-istil tat-tnejn kien għal kollox differenti. Lil ta’ Bernhardt ser insejjaħlu rappreżentattiv waqt il-mod ta’ reċtar ta’ Duse ser nirreferi għalih bħal preżentattiv.  Ta’ l-ewwel jimita, jew jillustra l-karattru li qed tinterpreta. Tat-tieni, il-preżentattiv, joħroġ mill-ġewwieni tal-attriċi b’mod illi jkun jixbah il-karattru illi qed taħdem. Wieħed jaħdem fuq il-karaterizazzjoni jew manjieri esterni u l-ieħor fuq l-identifikazzjoni tal-attur innifsu f’dawk il-kwalitajiet illi jaqblu mal-karattru interpretat.

Eżempju: F’mument ta’ l-istess melodrama, maħduma miż-żewg divas, fi produzzjonijiet differenti, il-mara tkun akkużata minn żewġha bi ksur ta’ fedeltà u tipprotesta bil-qawwa. Sarah Bernhardt b’leħen qawwi illi jispiċċa b’vibrato mqanqal tesklama “Je Jure, je jure, JE JUUUURE”. L-udjenza intilfet fl-għajjat u ċ-ċapċip. Minn naħa tagħha, Duse, b’vuċi miksura bilkemm tinstema’ lissnet, “Je jure, je jure…” mingħajr ħtieġa li terġa’ tirrepeti għat-tielet darba, waqt li poġġiet idha fuq ras binha u ħarset lejn żewġha. L-udjenza bkiet.

L-arti ta’ Mahoney tixbah l-istil addottat minn Eleonora Duse. Waqt illi tkun qed taqra dan il-ktieb tintebaħ kif u għaliex. Fost il-ħafna rakkonti interessanti ser issib dak tal-kummiedja Hekk Sejra ta’ Ġino Muscat Azzopardi fejn tirrakonta dwar kif inbena l-karattru prinċipali taz-Zija Pulda illi fuqu hija msawra l-kummiedja. L-istil preżentattiv, iebes, rari u riskjuż ta’ attriċi bħal Mahoney, mhux dejjem jislet l-esteriżmu tal-udjenzi, jew is-superlattivi fil-kitba tal-kritiċi, anzi bosta drabi fejn it-tradizzjoni teatrali tkun debboli, jista’ wkoll ma jintfiehemx. U ma jkunx apprezzat kif jixraq. Imma bla dubju, huwa dak l-istil illi jibqa’ dejjem frisk bla ma qatt ikun effetwat mill-moda. Kif wieħed jista’ jara mir-reċtar ta’ Duse, u minn kif ma jistax jingħad l-istess, għar-rappreżentazjonijiet ta’ Sarah Bernhardt.

Waqt li nqalleb fit-test ta’ Mahoney bdejt nislet, (bla ma naħseb illi l-awtriċi għaddielha minn rasha, illi xi darba xi ħadd ser japplika l-ħsus tagħha għaliha stess), dawk il-kwalitajiet illi jagħmlu l-attur u l-attriċi ta’ veru. Talenti illi ġieli Alla jogħġbu jagħti; li jispiċċaw f’taħlita ħajja u intensa ta’ sensittività, vulnerabilità, sens ta’ smiegħ, ħars, u mess akut, u abiltà li ħaddem il-fantasija bla ma terħi saqajk minn ma’ l-art. Dan kollu qiegħed f’Josephine Mahoney.

Imma dan biss mhux biżżejjed. Artista ta’ veru jeħtiġilha ferm aktar. Hemm l-intelliġenza u l-edukazzjoni illi jgħinuk tersaq lejn l-orjentazzjoni artistika. Magħhom trid iżżid l-użu tal-ġisem u tal-leħen illi għall-attur isarrfu dak illi l-istrument jiswa għall-mużiċista. Mahoney tispjega kif dan seħħ f’ħajjitha fl-ewwel kapitli.

Mhux neċessarja s-sbuħija esterna daqs il-kapaċità illi l-attur u l-attriċi jkunu kapaċi joħolqu s-sbuħija għall-udjenza tagħhom. Imma hu importanti illi l-artist ikun jifhem lis-soċjetà li jgħix fiha; illi jkollu l-opinjonijiet tiegħu. Għalhekk importanti s-sens ta’ ribeljoni fl-artist. Il-kilba illi tbiddel il-kundizzjonijiet illi fil-fehma artistika tiegħu kapaċi jbiddlu s-soċjeta għall-aħjar. Jekk l-artist hu fid-dmir illi jerfa’ l-mera biswit is-soċjetà, sabiex l-udjenza tagħraf lilha nnifisha fiha, kif jista’ ma jkunx ribell? U hemm bosta kurrenti fit-test fejn Mahoney tinħass qed tisforza biex tkun ġentili fil-korla tagħha.

Ma nistax inlum l-awtriċi meta dawn il-kurrenti sibthom jgħafsu l-aktar fejn jidħol ir-rispett u l-etika illi l-attur għandu jkollu għat-teatru. Il-palk huwa avventura komunali fejn m’hemmx post għall-istilel, kif m’hemmx lok għal min mhux ġenerus, leali, dixxiplinat u lest jaħdem fl-ispirtu tat-tim. Għax l-iskop aħħari tal-arti teatrali huwa l-preżentazzjoni tax-xogħol. U forsi bla ma ndunat Josephine Mahoney ma setgħetx taħrab mill-kmandament illi tana Stanislavsky meta qal: “Ħobb l-arti ta’ go fik; mhux lilek innifsek fl-arti.”

Wara li għalaqt il-qoxra aħħarija fuq dil-ħajja ta’ mara illi rat it-tlugħ u l-inżul kollhu tal-ħajja mċappsa bil-make-up teatrali, bilkemm stajt nemmen illi kien għadda nofs seklu minn mindu ftaħt l-ewwel qoxra tal-ktieb. Kemm seħħu bidliet fit-teatru, fix-xandir, fil-kunċerti, fit-teatri, fl-istituzzjonijiet artistiċi ta’ pajjiżna? Kemm persunaġġi imsemmija b’għożża f’dawn il-paġni m’għadhomx magħna? Kemm issaħħet it-tradizzjoni teatrali ta’ Malta f’dawn l-għexieren ta’ snin? Kemm irnexxejna noħolqu l-ekwivilenti tat-town planning ta’ Daniel Boone għall-palk Malti?

Fl-aħħar tal-ħamsinijiet Jean Louis Barrault kien ilmenta illi t-teatri Franċiżi minnflok djar, spiċċaw garaxijiet; jew spazju li jinkera biex wieħed jipparkja għal xi ħin fihom, imbagħad idabbar rasu lura. Mhux post li jirrapreżenta lilek; fejn tħoss li hu d-dar tiegħek; fejn tista tesprimi l-identità tiegħek, bis-sabiħ u l-ikraħ tagħha. Fejn tista titperreċ ir-ruħ tas-soċjetà li tagħmel parti minnha.

Jekk f’Malta ser nibqgħu nqisu l-pantomima, il-pagaent, il-kummiedja mużikali u t-teatru tad-divertiment bħala “il-palk Malti”; jekk il-puntati tad-drama fuq it-televiżjoni u kull avventura tal-palk, hemm warajhom skop kummerċjali, ma nistgħux ngħidu illi hemm tradizzjoni teatrali serja. Ifisser illi t-teatru mhux parti minn ħajjitna, mhux meqjus b’neċessità, mhux qed nieħdu minnu s-sustanzi li s-soċjetà teħtieġ biex tiżviluppa. Għad m’għandniex id-dar illi semma’ Barrault.

Minn naħa l-oħra ma nistax nemmen illi l-passjoni u d-dedikazzjoni ta’ artisti altruwisti bħal Josephine Mahoney ser jgħosfru u jgħibu bħallikieku qatt ma eżistew.

Related Posts

Tags

Share This