Epilogu

Nov 6, 2010 by

Epilogu

Kif forsi qed tinnutaw, id-drama f’pajjiżna għamlet passi ta’ ġgant minn meta bdejt jien fl-aħħar tal-Erbgħinijiet sal-bidu tas-snin Elfejn.

Għandna ħafna nies fix-xena artistika li llum il-ġurnata huma professjonali fil-qasam tagħhom, speċjalment meta wħud minnhom saħansitra studjaw barra minn xtutna. Fosthom insibu: drammaturġi, tradutturi, ‘producers’, diretturi, atturi, xenografisti, żeffiena, irtukkaturi u mużiċisti. Ħaġ’ oħra ta’ nkuraġġament, hija l-iskejjel tad-drama li għandna, li jgħallmu lill-uliedna japprezzaw minn ċkunithom din l-arti.

– 0 –

Fis-17 u 18 ta Mejju 2006, George Peresso stedinni biex nieħu sehem fil-programm tiegħu ‘naqra, nitfa, tikka’ fuq Radju Malta għal intervista li kienet imqassma fuq jumejn, dwar il-karriera tiegħi. Meta bdejt nirrakkonta fuq l-imgħoddi, intlift u ħassejtni ngħix mill-ġdid dawk iż-żminijiet waqt li ħafna mill-affarijiet li semmejt, George beda jiftakarhom ukoll, u dak il-ħin, bla ħsieb ta’ xejn qalli: “dnub li dawn it-tifkiriet jintilfu maż-żmien. Ma titħajjarx tiktibhom?”.  U minn dak il-mument nibtet l-ideja li nibda dan il-ktieb.

– 0 –

Kif ġa spjegajt, jiena fitta fejn jidħol karattru, allura meta ġejt fdata biex ninterpreta l-parti ta’ Gerit fis-Salib tal-Fidda fuq it-televiżjoni, ippruvajt li qabel nistudja l-parti ridt l-ewwel nifħem sew il-karattru. Bdejt billi qrajt ir-rumanz oriġinali ta’ Patri Wistin Born, imma sibt li l-awtur ma tantx daħal fil-fond ta’ dan il-karattru, fil-fatt, fit-‘teleserial’ tawħ aktar importanza u minħabba f’hekk il-karattru ħareġ iżjed kiefer minn dak tar-rumanz. Għalhekk ipprovajt nidħol fil-passat ta’ din il-mara biex forsi jirnexxieli nsib ir-raġuni għaliex kienet tant kiefra u negattiva.

– 0 –

Related Posts

Tags

Share This