It-Tielet Att

Nov 6, 2010 by

It-Tielet Att

… Uliedi bdew jikbru u kellhom ħtieġa ta’ aktar attenzjoni. Għall-ewwel darba mpjegajt ruħi bħala miżżewġa, kont naħdem bix-xift, ix-xogħol tal-palk kien fl-aqwa tiegħu, programmi fuq ir-radju u r-Rediffusion, radjudrammi u ma dawn teledrammi. Fl-aqwa ta’ dan kollu, waqt din it-tellieqa sfrenata biex inlaħħaq ma’ kollox, f’daqqa waħda bħal-sajjetta fil-bnazzi tasal l-aħbar tal-mewta traġika ta’ żewġi. F’salt wieħed qisu xi ħadd qalibni minn fuq dak il-pedestal u tefagħni minn fuq irdum għal-isfel. Kien żmien iebes ferm, għalija u għal uliedi.

– 0 –

Kont għadni qed inħoss in-nuqqas ta’ żewġi, qabel kien ikun dejjem miegħi, jgħini f’kull ma jkolli bżonn, iġorrli l-ħwejjeġ u l-basktijiet bil-bżonnijiet għal fuq il-palk, isuqni minn u lejn id-dar. Issa f’salt wieħed sib ruħi waħdi. Billi ma kellix għajununa kont indum biex nistiva kollox fil-bagalji, għalhekk dejjem nispiċċa noħroġ l-aħħar waħda mit-teatru. Inħares lejn il-platea u kollox fid-dlam, l-udjenza sparixxiet, skiet perfett, il-post ta’ l-orkestra vojt, it-tekniċi tal-palk kollha għebu, l-atturi ma jidhrux. L-unika bniedem li jkun għad fadal kien l-għassies li lanqas ma kien jidher, imma kont tista tisimgħu jċekċek iċ-ċwievet biex  isakkar il-biebien.

– 0 –

Dak iż-żmien, l-istazzjon tar-Radju kien fil-bini tal-Awtorita’ tax-Xandir, il-Blata l-Bajda. Għall-bidu konna nxandru bejn is-sitta ta’ filgħodu u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, bil mod il-ħin beda jitwal sakemm ġie daqqa sal-ħdax u nofs u ġieli sa nofs il-lejl…. Kellna ukoll nattendu l-‘University Language Laboratory’ darbtejn f’ġimgħa, fejn l-ispejjeż involuti troddhomlna lura l-Awtorita’ wara l-kors.

– 0 –

…. fis-Sebgħinijiet, il-‘Manager’ tal-palk għat-Teatru Manoel kien Michael Kissaun, li kien imexxi  l-attivita’ tal-palk bl-akbar serjeta’. Kienet l-ewwel parti primarja li kelli naħdem f’dan it-teatru u naħseb li fid-darbtejn li dehert qabel f’partijiet mhux daqshekk impenjattivi, ma kienx l-istess ‘manager’ inkarigat mill-palk. Ġejt għal din il-konklużżjoni għax meta wasalna għall-prova ġenerali fuq il-palk ġejt avżata li kellu jattendi s-Sur Michael Kissaun għar-‘rehearsal’ apposta biex jara lili ħalli jiddeċiedi jekk inix attriċi denja (ta’ kalibru) li nidher fuq il-palk ta’ dak it-teatru.

– 0 –

‘Meta morna tal-Mellieħa’ jien insejħilha ‘il-kummiedja tal-mirakli’ għax biex saret bifors li sar xi miraklu miegħi. Ngħidilkhom għaliex. Kien it-Tnejn 5 ta’ Novembru, il-ħin it-tlieta u nofs ta’ wara nofs in-nhar. Kont għadni ġejja mix-xogħol li għaliħ kont ili mqajma mill-erbgħa u nofs ta’ filgħodu, meta ċempel it-telefon u nisma’ leħen Francis Ebejer – ħaġa mhux tas-soltu. Nisimgħu jgħidlu “SOS Josephine .. SOS … għandi bżonn urġenti l-għajnuna tiegħek.” Wara li staqsejtu x’ġara qalli: “Marcelle Castillo ħarġet mill-parti u nhar il-Ħamis għandna l-ewwel rappreżentazzjoni!”. Jien mill-ewwel inħsadt u weġibtu: “kif jista jkun Frans?  Il-lejla niġi niehu l-iskript u kull ma jibqa nhar il-Tlieta u nhar l-Erbgħa li jkun il-‘general rehearsal ?”

– 0 –

Fis-snin Sebgħin, il-palk, anzi d-drama kienet fl-aqwa tagħha f’kull mezz ta komunikazzjoni: palk, radju u televiżjoni. Il-kittieba kollha jirsistu, min jikteb l-aħjar xogħol, diretturi mħarrġa, atturi tajbin tant li kien hawn għażla kbira, kollha nies responsabbli u li stajt isserraħ rasek fuqhom. Dawn l-atturi kienu jidħlu għall-provi u studju bla limiti ta’ hin; fil-fatt din ta’ l-aħħar lili żammitni lura għax irrifjutajt ħafna xogħol ma’ ċerti kumpaniji kbar u serji minħabba li kulljum kienu jsebbħu bir-‘rehearsals’. Tant hu hekk li darba minnhom fil-prova tad-dramm ‘Jerma’ ta’ Garcia Lorca ma’ M.A.D.C. taħd id-direżżjoni ta’ Albert Marshall tgħidx kemm inkwetajt. Domna sas-siegħa ta’ filgħodu. Ma kellix mezz biex inċempel lil-żewġi li sibtu fil-bieb ta’ barra jistennieni tant kemm inkwieta li ġrali xi ħaġa. Għaldaqstant dan ma stajtx nagħmlu jien minħabba l-familja u x-xogħol li kelli.

– 0 –

Fis-Sebgħinijiet id-drama fuq it-Televiżjoni bdiet tirranka ġmielha u kienet xi ħaġa li t-telespattaturi jistennew. Veru li kien għadu ma daħalx it-televiżjoni bil-kulur, b’danakollu kulhadd kien jistenna fuq ix-xwiek dik il-lejla li fiha jidher xi dramm.  Lejn l-aħħar tas-Sebgħinijiet bdew ukoll is-sensiliet kif ser naraw mil-lista ta’ xogħolijiet li għamilt f’dak iż-żmien. Bħala stazzjon tat-televiżjoni Malti kellna biss wieħed , l-MTV (Malta Television) li wara sar TVM.

– 0 –

Related Posts

Tags

Share This