It-Tieni Att

Nov 6, 2010 by

It-Tieni Att

Ta min isemmi wkoll li kien f’dan iż-żmien, wara l-1957 li f’Malta bdejna naraw it-televiżżjoni mill-Italja. Dan kien fattur biex il-gosti tal-Maltin bdew jieħdu xejra aktar lejn it-teatru modern.

Minn nofs is-Sittinijiet, il-bidla fit-teatru għall-wieħed aktar aġġornat bdiet tinħass. Kemm awturi, atturi u diretturi jew kull min b’xi mod kellu x’jaqsam mat-teatru beda jsir konxju tax-xogħol li għandu jagħżel. Id-drammi tas-seba’ atti, bil-vestwarju u salt monologi twal lejn l-aħħar tas-Sittinijiet ma baqgħux popolari, u saret konċentrazzjoni fuq it-teatri tal-ibliet bħat-Teatru Manoel, Teatru Orpheum, Radio City Opera House u l-Istitut Kattoliku.

– 0 –

Nibqgħu fis-snin Sittin. Sa dan iż-żmien ħassejtni li kont akkwistajt ftit esperjenzi, u ċerta kunfidenza, ‘ċerta’ qed ngħid, imma mhux kunfidenza żejda għax dik mhix tajba, u fuq kollox bdejt insir konxja fil-qasam tal-arti tad-drama ta’ dak kollu li kien aġġornat. F’dan iż-żmien ukoll kelli nidderiġi l-kumpanija tagħna minħabba l-mewt ta’ missieri. Il-Kumpaniji li bdejt naħdem magħhom f’dak iż-żmien kienu aktar stabbiliti u d-diretturi aktar miftuħin għall-idejat ġodda. Il-lokalitajiet ma baqgħux dawk tal-irħula biss, anzi dawn bdew jonqsu.

– 0 –

Ir-Rediffusion fis-Sittinijiet.

Fl-1958, l-istudjos tar-Rediffusion minn Strada Brittania, l-Belt, ġarrew għal-binja li saret apposta għalihom fi Triq San Luqa, Gwardamanġa. Dan kien post attrezzat b-makkinarju aktar modern, kellna ‘Recording Studio’ kbir u tnejn iżgħar, waqt li kien hemm ukoll żewġ studjos oħra minn fejn noħorġu l-programmi tas-swiċċ B bil-Malti, u l-ieħor swiċċ A bl-Ingliż. In-naħa teknika kienet ukoll spazjuża. In-naħa l-oħra kien hemm uffiċini tal-kapijiet, ‘producers’ tad-drama, librerija tad-diski u oħra tat-tapes, waqt li isfel kien hemm l-uffiċini taċ-‘chairman’ u dawk tal-amministrazzjoni fuq naħa, u fuq l-oħra ‘canteen’. Parti mill-istess ‘canteen’ kien fil-bidu jintuża bħala studjo tat-televiżżjoni.

– 0 –

It-Televisjoni.

L-ewwel trasmissjonijiet tat-televisjoni waslu hawn Malta mill-istazzjon Taljan, ir-RAI. Dan kien fil-bidu tas-sena 1957, wara li t-Taljani tellgħu ‘booster’ fi Sqallija. Dak iż-żmien kien hawn ftit settijiet tat-televiżjoni f’Malta. Fil-fatt kont tara ħafna nies miġbura quddiem xi ħanut l-aktar il-Belt, il-Ħamrun u tas-Sliema, biex jaraw il-programmi. Bil-mod beda jidħol saħansitra fi djarna. Niftakar li aħna d-dar daħħalna s-sett tat-televiżjoni f’Ottubru tal-1958 meta miet Papa Piju XII. Missieri xtaq jara ċ-ċerimonja ta’ Papa ġdid. Allura, kif tistgħu taħsbu, għall din l-okkażżjoni kienu mistiedna għandna salt zijiet u ħbieb biex forsi jaraw għall-ewwel darba f’ħajjithom id-duħħan ħiereġ miċ-ċumnija tal-Vatikan.

– 0 –

Related Posts

Tags

Share This