L-Ewwel Att

Nov 6, 2010 by

L-Ewwel Att

Mill-‘Ktieb ta’ Għada’ li fiħ il-Prof. Ġużè Aquilina kiteb dwar il-palk Malti minn Londra fl-1938 jgħid hekk: “ f’ħaġa waħda għadna lura għal kollox, u milli jidher mhux lakemm ngħaddu ‘l quddiem wisq fiha; u din hija t-Teatru Malti. Ħafna kummidji nkitbu li jdaħħqu, imma s-siwi letterarju tagħhom ċkejken, u għalhekk, lilna ma jolqtuniex, għax ladarba ma jfissru xejn għall-ilsien Malti ma jistgħux jgħixu wisq.
………… It-teatru Malti mela! Qajmu t-Teatru tagħna.”

– 0 –

Sadattant erġajna lura lejn l-iskola li konna ħallejna, St. Joseph’s Convent. Fi żmien il-Karnival kienu jorganiżżawlna tlitt ijiem ta’ attività fuq il-palk bis-sehem tal-istess studenti. Ħaġa tal-għaġeb, dejjem kont inkun mgħażula biex nieħu sehem; imma mhux fil-parti primarja, lanqas dik sekondarja, imma mal-grupp dawk li llum insejħulhom ‘extras’ jew kumparsi, li jfisser li bik jew mingħajrek mhux ser tagħmel differenza. Kont nirrabja għax kont inħoss li kapaċi nagħmel il-parti aħjar minnhom, imma qatt ma tawni dik l-opportunità.

– 0 –

Is-servizz tar-Rediffusion f’Malta daħal fil-1935. Kien jitwassal permezz tal-‘cables’ u kellu ‘switches’ A u B. Switch A kien jagħti servizz bl-Ingliż, minħabba li f’Malta kien hawn ħafna Ingliżi u kellna kultura Ingliża qawwija. Ix-xandriet fuq dan is-‘switch’ kienu l-aktar mill-BBC Overseas Service, jew xogħol mibgħut mill-Ingilterra, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra. Switch B kien ixandar bil-Malti; Dan kien xandir imħaddem mir-‘Rediffusion Group in Malta’, li kienet parti mill-kumpanija internazzjonali ‘Rediffusion Group’.

– 0 –

F’artiklu li deher f’ġurnal lokali fin-nofs tal-Erbgħinijiet, xi kittieb indirizza l’Charles Clews bħala : “The worker’s humorist”. Dan l-artiklu ġibed l-attenzioni tal-Kap tal-programmi tar-Rediffusion Effie Ciantar, li stieden lil kumpanija ta’ Charles Clews biex ixxandar xi programmi. Għal dawn ix-xandiriet, il-kumpanija ma kinitx tuża l-isem tal-palk ‘Stage Commandos’, imma l-isem ta’ Radju Muskettieri. Sensiliet li kienu popolari ferm mas-semmiegħa kienu: Bertu l’Bumbardun’, ‘Dottor Tanti’, ‘Mabbli Fabbli’, u ‘Bastjan Bastjan’. Dawn kollha fuq kitba ta’ Charles Clews. Kif ukoll is-sensiela għat-tfal ‘Fredu Frendo Sgendo’, b’Johnny Navarro.

– 0 –

Nixtieq nurikhom kif kienet is-sitwazzjoni tat-tfajla Maltija fis-soċjetà f’dak iż-żmien. Mhux il-palk biss ma kienx jagħmlilha ġieħ, imma, xi ftit jew wisq ix-xandir kien meqjus ukoll bħala xi ħaġa li tbaxxiha. Din hija silta mill-ktieb ta’Paul P. Borġ ‘Kelinu Vella Haber, Ħidmietu u l-Moviment tal-Malti’:

“Ma jistax wieħed ma jsemmix il-problemi li kien jiltaqa’ magħhom Kelinu Vella Haber biex iħajjar tfajliet jersqu halli jsemmgħu leħinhom fuq ir-Rediffusion meta l-mara Maltija kienet għadha maqfula aktarx fil-kċina u ma kienet emanċipata xejn.”
Kif spiċċat il-gwerra, Memè Scicluna fetaħ l-Istadium Theatre fl-Empire Sports Ground, il-Gżira, li fiħ bdew itellgħu opri u operetti għall- apert. Sa mill-1938, is-surmast Ġiuseppe Camilleri waqqaf il-kumpanija Maltija tal-Opri bl-isem ta’ Malta Amateur Operatic Company u ddireġa l-ewwel att tal-opra Lucia di Lammermoor ta’ Gaetano Donizzetti u t-tieni att tal-opra Trovatore ta’ Ġuiseppe Verdi. Kumpanija tal-operetti bl-isem l-Ѐtoile de Malte fl-1944, dejjem fl-Istadium Theatre ippresentaw Santarellina u l-Malta Ameteur Operetta Company ippresentaw Fiore Fiore, waqt li sena wara tellgħu Marusca u Scampolo, għall-aħħar ibbażata fuq kummiedja ta’D.Micodemi. Kien hemm ukoll il-Malta Amateur Dramatic Society ta’ Raħal il-Ġdid li ppreżentaw Hamlet bl-Ingliż. Ta’ min jinnota wkoll li fil-Ħamsinijiet ġie jagħti kunċert fl-Istadium, il-kantant favorit tal-Maltin, Domenico Modugno. Iżjed tard, fl-istess lokal kienu jittellgħu ukoll ‘pageants’ reliġjużi kif ukoll wirjiet taċ-ċirklu. Fil-fatt wieħed minn dawn il-‘pageants’ kien dwar il-ħajja ta’San Ġorġ fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Lord Baden Powell u l-ħamsin anniversarju tal-Boys Scouts Association f’Malta u Għawdex.

– 0 –

Fid-29 ta’ Jannar, 1949, sar kunċert teatrali fl-iskola tal-Gvern tal-Furjana b’risq l-Istitut ta’ San Ġakbu, il-Belt. Dan sar taħt il-patroċinju tal-Mons. Prof. Arturo Bonnici, direttur tal-istitut ta’ San Ġakbu. Għal din is-serata stiednu lis-‘Sliema Dramatic Company’ biex tippreżenta att uniku, u ddeċidew li jsir buzzett li nħadem fuq ir-Rediffusion, ‘Fernando Ronese’, minħabba l-fatt li kien intlaqa’ tajjeb ferm mis-semmiegħa. Issa biex jppreżentaw dan il-buzzett kelli nieħu sehem jien, u missieri beda jitmeżmeż minn dil-biċċa xogħol. L-atturi l-oħra bdew jippressaw lil missieri biex ibaxxi rasu billi kien ser ikun preżenti Mons. Arturo Bonnici, u fl-aħħar aċċetta u tani permess li nitla fuq il-palk. Mela dik kienet l-ewwet tarġa fil-karriera tiegħi.

– 0 –

Barra li jħaddem rasu u leħnu il-ħin kollu, is-suġġeritur ried ukoll juża dirgħajh u subgħajh biex jipponta malajr lil dak l-attur li kien imissu jitkellem. Kif qed taraw, is-suġġeritur kellu parti li titlob responsabbilta’ kbira. Kien hemm xogħol ieħor li kellu jagħmel. Ried jieħu ħsieb iċempel il-qanpiena tal-bieb ta’ barra; naturalment jekk il-perjodu kien tal-antik dik ma setgħetx tkun tal-elettriku, imma waħda li ċċempel meta tiġbdilha l-ħabel. Jekk id-dramm ikun modern kien iżomm ħdejħ ‘buzzer’ għal-qanpiena tat-telefown ta’ dak iż-żmien, drabi ukoll ikun irid idoqq xi ħorn ta’ karozza jew ta’ ‘bicycle’. Illum mod ieħor għax issib dawn l-effetti kollha fuq CD li jieħu ħsiebhom bniedem apposta minn wara l-palk.

– 0 –

Is-suġġetti tad-drammi ta’ dak iż-żmien kienu antiki (‘period plays’), l-iżjed dwar avventuri li ġraw fl-Italja, għalekk kienu jeħtieġu il-kostumi li konna nsejħulhom vestwarju. Apparti mill-fatt li dawn id-drammi ma setgħux jinħadmu mingħajr dan it-tip ta’ ħwejjeġ, huma kienu jservu wkoll bħala parti mill-ispettaklu. Naturalment li tara dawk il-kostumi kollha kuluri mżejna b’salt bizzilla u rakkmu, dawn kien fiħom x’tara. Tant hu hekk li meta javżaw xi dramm fuq il-kartelluni, kienu joqogħdu attenti li jinkludu l-frażi: “Dramm bil-vestwarju …” Is-sabiħ tiegħu dan ix-xogħol hu li meta jkollok dramm li jitlob dawn it-tipi ta’ kostumi, kont trid taħseb kmieni għalihom biex tagħmel ir-riċerka meħtieġa. Trid tistudja f’liema epoka d-dramm kien, f’liema pajjiż, ta’ liema livell soċjali kien dak il-personaġġ, għal-liema okkażjoni ser tintlibes u rqaqat oħra bhal dawn. U trid tiftakar li mal-libsa jmorru ż-żraben, jew il-qorq, peduni, kappell, kappa, boroż (għan-nisa), ingwanti, mkatar, ġojjellerija u x’naf jien.

– 0 –

Related Posts

Tags

Share This